Il-Ministru Edward Zammit Lewis fetaħ konferenza online organizzata mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) intitolata, “Il-Pandemija tal-COVID-19 u l-Ugwaljanza Bejn is-Sessi”. Din il-konferenza ġiet organizzata biex tikkommemora l-Jum Internazzjonali tal-Mara. Preżenti b’mod virtwali kien hemm mal-230 parteċipant. 

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Zammit Lewis irrimarka kif Jum il-Mara hija okkażjoni biex infakkru l-progress li ksibna matul dawn l-aħħar snin fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, speċjalment il-passi sinifikanti li għamilna sabiex iktar nisa jgawdu minn opportunitajiet biex jilħqu l-potenzjal sħiħ u l-aspirazzjonijiet tagħhom. F’dan il-jum nagħrfu wkoll dawk l-isfidi li għadhom qegħdin ixekklu l-ugwaljanza u jillimitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa f’oqsma differenti fis-soċjetà tagħna.
Huwa enfasizza kif din il-pandemija affettwat il-pajjiżi kollha ta’ madwar id-dinja u biddlet il-ħajja ta’ persuni minn kull sfera tas-soċjetà. Fuq kollox, il-pandemija wrietna li, issa iktar minn qatt qabel, l-ugwaljanza hija vitali għal benessere tas-soċjetà u għandha tkun fuq quddiem ta’ kwalunkwe rispons politiku u leġislattiv. Il-pandemija xeħtet dawl fuq l-inugwaljanzi li kienu diġà jeżistu u li issa żdiedu b’mod konsiderevoli. Fejn qabel il-pandemija, l-attenzjoni kienet iktar fuq il-post tax-xogħol, issa minħabba l-imxija tal-COVID-19, din imxiet mill-post tax-xogħol għad-dar.
Il-Ministru Zammit Lewis kwota kif b’mod konret, bħal pajjiżi oħra, Malta  rreġistratat qabża fil-każijiet ta’ vjolenza domestika, b’madwar 15% aktar ta’ każijiet irrappurtati fl-ewwel nofs tal-2020 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019. Studju li sar mill-NCPE sab li l-pandemija tal-COVID-19 qiegħda tiggrava l-inugwaljanzi tal-ġeneru li diġà jeżistu fit-tqassim tar-responsabbiltajiet tad-dar u tal-kura li mhumiex imħallsa. F’dan il-mument tant kruċjali, sar ħafna xogħol mill-Gvern biex nipproteġu lin-nisa u l-bniet, b’mod partikolari minn forom differenti ta’ vjolenza, fosthom assistenza legali b’xejn lill-vittmi u twaqqif tat-taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika fil-Korp tal-Pulizija.
Huwa ikkonkluda billi saħaq li ser jibqa’ kommes li jkompli jħares l-ugwaljanza billi jkompli jsaħħaħ l-qafas legali dwar l-ugwaljanza. Fil-fatt, tressqu numru ta’liġijiet fostom abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Professjoni Nutarili u l-Arkivji Nutarili u Liġijiet Varji.  L-Att dwar l-Ugwaljanza ser ikun qiegħed jipprevjeni d-diskriminazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma kemm fis-settur privat kif ukoll fl-amministrazzjoni pubblika. Minn barra dan, hemm ukoll l-Att dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet Umani u l-Ugwaljanza se tinkludi struttura biex tassisti persuni li jiġu diskriminati.
Fil-konklużjoni tiegħu l-Ministru Zammit Lewis stieden lill-Kummissarju Renee Laiviera biex tgħaddilu r-rakkomandozzjonijiet biex b’hekk il-Gvern ikun jista’ jaħdem fuqhom u jwettaqhom għal aktar ugwaljanza bejn is-sessi.