Waqt żjara hekk kif għaddejjin xogħlijiet għat-tisbiħ f’Wied iż-Żurrieq, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis stqarr li dan jikkumplimenta l-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu li nieda l-Ministeru fl-2015. Din tħares lejn l-estetika u l-kwalità ambjentali ta’ żoni turistiċi, li jeħtieġ li jitjiebu permezz ta’ landscapingaħjar u l-ambjent inġenerali, b’attenzjoni partikolari għad-dettall u disinn.  Dan il-proġett li ser jiswa madwar sebgħin elf ewro qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA).

 

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis aċċenna li Wied iż-Żurrieq huwa prodott kostali li jiddefinixxi l-gżejjer Maltin bis-sbuħija tiegħu u għalhekk huwa importanti li nieħdu ħsiebu. “Apparti l-ġmiel naturali tal-Wied innifsu, wieħed ma jistax ma jsemmix il-Blue Grotto fejn għadd ta’ turisti li jżuruna jagħżlu li jgawdu s-sbuħija naturali tiegħu. Wied iż-Żurrieq huwa wkoll popolari mal-industrija tal-għadis fejn jesperjenzaw l-aktar ‘wreck’ popolari, mgħarraq fl-ibħra Maltin bl-isem ta’ Umm el Faroud.”

Għaldaqstant, ix-xogħol f’Wied iż-Żurrieq imħejji mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi u l-MTA bl-assistenza tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi jinkludi fost oħrajn l-bini ta’ moll, tibdil fid-dawl, manutenzjoni fil-faċilitajiet sanitarji, pavimentar ħdejn il-kosta u anke bit-tarmak, tibdil tas-sinjali tat-toroq, railing kif ukoll għajnuna lill-Assoċjazzjoni tad-Dgħajjes.

Il-Ministru għat-Turiżmu temm jgħid li dan il-proġett inizjali se jitlesta sal-aħħar ta’ Lulju li ġej u huwa biss il-bidu minn proġett ħolistiku għax hemm pjanat investiment akbar.