Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ħabbar li għall-ewwel darba mindu twaqqaf il-Malta Film Fund se jiżdied il-budget allokat għalih. Waqt it-tnedija tal-Malta Film Fund għas-sena 2017, il-Ministru kkonferma li dan issa se jlaħħaq €300,000. Dawn il-fondi amministrati mill-Kummissjoni Maltija għall-Films (MFC) se jkunu ta’ għajnuna għall-industrija lokali tal-films sabiex din tkompli tifjorixxi.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-industrija tal-films qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla ħafna. F’Malta u f’Għawdex qed tkun iġġenerata attività ekonomika kbira u qed jinħolqu ħafna impjiegi ġodda. Apparti mill-impatt importanti li jħalli dan is-settur fuq l-ekonomija, l-industrija tal-films taqdi wkoll rwol importanti f’dak li hu reklamar ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika.

“Fl-istess waqt li qed jirnexxilna nattiraw produzzjonijiet internazzjonali lejn Malta, qegħdin ukoll ninvestu ħafna fit-talent lokali,” qal il-Ministru għat-Turiżmu. Ikkumparat mas-snin li għaddew, il-Gvern se jgħin aktar lil filmmakerslokali. Minbarra ż-żieda fl-ammont ta’ fondi allokati għall- iżvilupp u produzzjoni ta’ films Maltin, se tkun introdotta skema ġdida għad-distribuzzjoni ta’ films fuq livell internazzjonali.

“Il-Malta Film Fund qed jitmexxa bi strateġija li toffri aktar għajnuna lil proġetti Maltin u Għawdxin. Apparti dan, inħolqu wkoll kategoriji ġodda sabiex ninkoraġġixxu li jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol ġodda għat-talent lokali’’, qal il-Ministru Zammit Lewis.

Il-Ministru kompla jgħid li grazzi għall-Film Fund, pajjiżna se jkompli jiżviluppa l-arti ċinematografika. Dan kollu huwa parti minn strateġija li se twassal sabiex Malta żżid b’mod sostanzjali n-numru ta’ films Maltin u Għawdxin, qal il-Ministru Zammit Lewis.

Il-Ministru qal li dawn l-inizjattivi saru wara taħdidiet u konsultazzjoni ma’ esperti ewlenin f’din l-industrija, kif ukoll ma’ filmmakers lokali. “Nemmen li l-ħidma id f’id mal-partijiet interessati ta’ dan is-settur se tgħin sabiex il-produtturi tal-films lokali jiffaċċjaw l-isfidi li toffri din l-industrija. Il-Gvern jemmen li għandhom jitfasslu inċentivi ta’ investiment għas-settur tal-films f’Malta, inizjattivi li qed iwasslu għal aktar suċċessi bla preċedent,” qal il-Ministru għat-Turiżmu.

Il-Ministru ssokta jafferma li din l-edizzjoni ġdida tal-Malta Film Fund hija parti mill-istrateġija tal-Gvern li tikkrea bis-serjetà industrija tal-films b’saħħitha u sostenibbli f’pajjiżna. “Dan il-Gvern irnexxielu jagħti spinta qawwija lill-industrija tal-films f’Malta. Dan huwa pass ieħor ’il quddiem sabiex din l-industrija indiġena tal-films tmur għal-livell li jmiss,” temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Films Engelbert Grech qal li Malta qed tattira ħafna films internazzjonali, u issa qed isir investiment kbir fit-talent lokali sabiex tinħoloq industrija tal-films sostenibbli.