Turiżmu; suċċess mhux b’kumbinazzjoni

 minn Edward Zammit Lewis, Ministeru għat-Turiżmu

Tul dawn l-aħħar snin pajjiżna baqa jsaħħaħ l-akbar mutur ekonomiku tiegħu, it-Turiżmu. Min-naħa tagħha, l-industrija tat-Turiżmu kompliet tkabbar il-benefiċċju ekonomiku tagħha dirett u indirett lil pajjiżna, flimkien mal-ħolqien ta’ aktar impjiegi u opportunitajiet għan-negozju.

Biżżejjed inħarsu lejn is-swieq turistiċi ewlenin tagħna. Skont l-aħħar statistika ppublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika insibu li meta nikkomparaw il-perjodu ta’ Jannar u Novembru tas-sena li għada kif għaddiet ma l-istess xhur tas-sena 2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti, esperjenzajna żieda fenomenali fis-swieq turistiċi kważi kollha. Jekk nagħtu daqqa t’għajn lejn il-figuri naraw li fl-2016 meta mqabbel mal-2012, is-suq Żvizzeru żdied bi kważi 60%, is-suq Taljan kiber b’aktar minn nofs, filwaqt li s-Suq Belġjan żdied  bi kważi bin-nofs u s-swieq ta’ Franza u l-Olanda b’aktar minn 32%. Insibu wkoll li s-swieq ta’ l-Iskandinavja, ta’ l-Awstrija u tar-Renju Unit kibru b’aktar minn 25% filwaqt li s-suq Irlandiż u dak Ġermaniż żdiedu b’19% u b’14% rispettivament.  Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw li qed ikollna riżultati pozittivi mhux biss fi swieq tradizzjonali u Ewropej imma wkoll fi swieq bħal dak Amerikan li mill-2012 ‘il hawn rreġistrajna tkabbir ta’ 44%.

 

Nisħaq li l-konnettivita bl-ajru jibqa l-element kruċjali għall-aktar tkabbir turistiku, speċjalment fl-istaġun xitwi li joffri potenzjal kbir li determinati li nesploraw, mhux biss f’termini ta’ numri imma wkoll biex inkunu konformi ma l-objettivi li ssettjajna, dak li nattiraw aktar turiżmu ta’ kwalita’. Il-movimenti tal-passiġġieri fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta laħaq aktar minn 5 miljuni, rekord assolut b’żieda ta’ 7.6% f’seat capacity fuq l-2015. Investejna bis-sħiħ u se nkomplu nwettqu politika ta’ konnettivita b’saħħitha. Mill-bidu ta’ din il-leġislatura ntroduċejna 22 rotta ġdida, 9 minnhom introdotti fl-2016. Dawn ir-rottot ġodda huma koperti minn diversi linji ta’ l-ajru li jinżlu fl-ajruport Malti. Linji ta’ l-ajru ġodda ntrodotti mill-2013 ‘l hawn  kienu 15, fejn 5 minnhom bdew joperaw fis-sena li għada kif spiċċat. Aktar minnhekk l-ajruport internazzjonali ta’ Malta ħabbar li fis-sajf li ġej se jiżdiedu 3 rottot ġodda.  Dan huma kollha aħbarijiet inkoraġġanti u sbieħ li nilqgħu b’impenn sabiex inkomplu nkattru turiżmu sostenibbli u ta’ kwalita.

 

L-investment huwa il-pern prinċipali sabiex din l-industrija tkompli tikber b’mod sostenibbli. Nemmen li ċ-cavetta sabiex l-Ewropa tibqa is-suq turistiku ewlieni dinji, tinsab fl-investiment kemm mill-gvernijiet u mill-industrija. L-investiment indubbjament irid ikun sostenibbli sabiex jassigura koeżjoni ambjentali, ekonomiċi, finanzjarji u soċjali. Aktar minn hekk il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet tat-turiżmu Ewropej għandhom jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq swieq emerġenti bħal dak Ċiniż u Amerikan. Viżjoni itwal issapportjata minn proċess kontinwu t’investiment, jista jgħin lill-Ewropa u lir-Reġjun Mediterranju jikseb livelli kruċjali ta’ tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ mpjiegi. Fil-ħmistax il-sena li ġejjin l-aktar mistoqsija eċitanti għandha tkun kif l-Ewropa se tilqa għal possibilta ta’ żieda fin-numru ta’ viżitaturi minn barra l-Ewropa partikolament mill-Asja u mill-Amerika, dak li jissejjaħ Turiżmu ‘Long Haul’.  Skont stħarriġ riċenti ppublikat mill-Kummissjoni Ewropeja tal-Ivvjaġġar (ETC) imsejjaħ ‘Long Haul Travel Sentiment Survey and Index’’ jgħid li 46% tal-l-Amerikani bejn it-18 u l-34 sena jippreferu jivvjaġġaw lejn l-Ewropa, filwaqt li 60% taċ-Ċiniżi fl-istess kategorija t’eta’ jippreferu l-Ewropa. Skont dan l-istess stħarriġ it-turiżmu long haul huwa attirat l-aktar għall-Ewropa minħabba l-kultura tagħha, partikolarment il-wirt storiku, divertiment u l-gastronomija. Inħoss li pajjiżna għandu jagħti widen għal dawn il-konklużjonijiet li joħorġu minn dan l-istħarriġ u studji oħra simili fejn jagħtu mportanza lejn turiżmu ta’ kwalita u turiżmu divers li tant jattira t-turisti barra mill-Ewropa. Din hija t-triq il-quddiem għalina sabiex l-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna tagħmel dik il-qabża ‘l quddiem tant mixtieqa u jirnexxielna nipprofittaw aktar minn dawn is-swieq emerġenti li huma tant imfittxija mill-pajjiżi Mediterranji kompetituri tagħna.  U għalhekk fid-dawl li is-sena d-dieħla jiġifieri s-sena 2018 ġiet iddikjarat mill-Unjoni Ewropeja u ċ-Ċina bħala: EU-China Tourism Year, f’Mejju li ġej, il-Ministeru għat-Turiżmu flimkien ma l-Għaqda Dinija għat-Turiżmu fi ħdan il-Ġnus Magħquda (UNWTO) se norganiżżaw avveniment fuq livell Mediterranju imsejjaħ Master Class, li jiddiskuti s-Suq Turistiku Ċiniż fil-Mediterran.  Infaħħar il-ħidma ta’ l-Awtorita Maltija għat Turiżmu (MTA) li qed tagħti prijorita xierqa sabiex jirnexxielha tinfiltra aktar dawn is-swieq u tattira aktar turisti partikolarment mis-suq Amerikan u swieq Ażjatiċi. Il-ħidma tiffoka  partikolarment fuq reklamar ta’ Malta bħala pajjiż bi storja li tmur lura 7000 sena, b’sigurta eċċezzjonali, b’kalendarju estensiv u kulurit ta’ avvenimenti kulturali u ta’ divertiment u kif ukoll klima miraviljuża matul is-sena kollha.  Is-suq Ażjatiku joffri sfida u lok t’impenn. L-ikbar l-ostaklu f’dawn is-swieq hija l-kultura ferm diversa minn dik Ewropeja u Mediterranja u kif ukoll il-lingwa. Madanakollu nemmen li dawn id-diffikultajiet jistgħu jinbiddlu f’opportunitajiet għal pajjiżna. Turisti Ażjatiċi huma għatxana li jesploraw kulturi differenti minn tagħhom u kif ukoll iż-żgħażagħ huma aktar konxju ta’ l-importanza tal-lingwa Ngliża. L-iskejjel tal-Lingwi f’pajjiżna huma rinomati nternazzjonalment u dan huwa ta’ attrazzjoni u ta’ vantaġġ sabiex jattira żgħażagħ minn pajjiżi Ażjatiċi partikolarment mill-Korea t’Isfel, mill-Ġappun u miċ-Ċina sabiex jiġu jitgħallmu l-lingwa Ngliża f’pajjiżna. Aspett ieħor li konvint li jista jagħti riżultat pożittiv indirett favur l-industrija tat-turiżmu hija l-inkoraġġiment għall-ġemellaġġi bejn lokalitajiet Maltin u Għawdxin ma oħrajn minn dawn il-pajjiżi. Dan l-inċentiv jagħti lok għal aktar għarfien li jkun reċiproku u jistimula nteress mir-residenti tal-lokalitijiet li jsiru ġemelaġġ magħhom. L-MTA bl-uffiċċju tagħha ġewwa l-Ġappun tirriklama lil pajjiżna fil-kontinent Ażjatiku b’permezz ta’ preżenza f’fieri u parteċipazzjoni f’seminars, reklamar f’rivisti u waqt avvenimenti sportivi internazzjonali u kif ukoll b’permezz ta’ preżenza televiżiva bħal programm ‘Summer Resort’’ fuq JP TV fejn Malta ġiet ikklassifikata fit-3 post bħala l-isbaħ beach resort fid-dinja.

Is-Suq Ċiniż jibqa dejjem jikklassifika bħala s-suq Ażjatiku l-aktar attrajenti u mfittex mill-pajjiżi Ewropej. Il-ħidma tagħna sabiex nisfruttaw aktar dan is-suq qed dejjem tintensifika ruħha. Fl-aħħar xhur, ħdimt flimkien ma l-Uffiċċju ta’ Shangai rappreżentat mill-envoy Maltija għall-Investiment ma l-Asja, fejn bi pjaċir ngħid li għamilna kisbiet importanti. Din il-ħidma ssarfet fi żvilupp importanti fil-qasam tat-turiżmu li ser iwassal biex jattira turisti f’pajjiżna ta’ ċertu livell fejn Malta tiġi rreklamata bħala high end destination.  Permezz tal-koperazzjoni mal-Bank of China u Caissa International Travel Services, ninsab kunfidenti li sa l-2017 ser inkabbru is-suq turistiku Ċiniż b’darbtejn u nofs aktar hekk kif mistennija li nattiraw aktar minn 10,000 turist Ċiniż ta’ klassi għolja lejn Malta. Dan in-numru mistenni jikber għal 50,000 sal-2020.

Il-ħidma ta’ l-Uffiċċju ta’ l-MTA ġewwa New York fl-Istati Uniti ikkoordinat minn Michelle Buttigieg, tkompli sena wara sena tikkonferma kemm kienet deċiżżjoni saġġa li jerġa jinfetaħ dan l-uffiċċju għaliex kull sena naraw żieda fit-turisti w interess mis-suq Amerikan. Mhux ta’ b’xejn fil-bidu tas-sena l-oħra dan l-uffiċċju ġie ppremjat waqt l-Annual Travvy Awards fi New York. Dan l-uffiċċju jimpenja ruħu sabiex jirriklama lil Malta u Għawdex bħala destinazzjoni diversa u fantastika, b’emfasi speċjali fuq turiżmu kulturali, storiku u reliġjuż.  Apparti l-parteċipazzjoni f’diversi fieri, l-akbar impatt huwa r-reklamar fuq il-medja soċjali, fuq web magazines, rivisti u programmi televiżivi. Dawn jinkludu: New York Times fejn kklassifikaw lil Malta fit-3 post fil-kategorija ‘’52 places to go in 2016’’, Forbes.com, Robb Report, Travel and Leisure Magazine, Business Insider, il-programm ‘’The Travel Detective’’ fuq PBS TV b’udjenza ta’ 2.3 miljun telespettatur, About.com Luxury Travel fejn affirmaw lil Għawdex bħala waħda mill-aqwa destinazzjonijiet fl-2016, Instagram, Bing’s.com u l-US Weekly li b’riżultat tal-Isports Illustrated Swimsuit Shoot li seħħ f’pajjiżna, Malta ġiet imfaħħara bħala waħda mill-aktar postijiet eżotiċi madwar id-dinja.

Dawn ir-riżultati li qed niksbu jikkommettu u jagħtu aktar kuraġġ lili u lil dan il-Gvern biex nissoktaw fuq it-triq li fassalna għat-Turiżmu f’Malta, is-settur li huwa pilastru ewlieni fl-ekonomija Maltija. Nemmen fil-potenzjal ta’ fl-ufficini rappreżenattivi li għandna barra minn Malta u kommess li nara li nkomplu nsostnuhom u nagħtuhom l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex jissoktaw bil-ħidma tagħhom u jkomplu jagħtu l-istimolu prezzjuż tagħhom.

 

Huwa evidenti li l-ħidma tal-gvern f’din l-industrija tat-turiżmu u l-eżitu pozittiv fl-istrateġiji u l-policies tagħna, huma riflessjoni ta’ sinerġija kollaborattiva bejn l-istakeholders kollha. Din is-sinerġija tissokta tkun il-karatteristika determinanti u komponent importanti għas-suċċess tagħna f’din l-industrija. Dan jinkoraġixxi aktar ir-rieda u l-impenn li nsegwu l-objettivi strateġiċi tagħna b’intensita akbar u b’kunfidenza fix-xhur u s-snin li ġejjin.

 

 

 

 

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

You may use these HTML tags and attributes:

<a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <s> <strike> <strong>