Turiżmu 2016; riżultati eċċezzjonali

Fis-sena 2016 it-turiżmu tefa’ aktar minn €1.7biljun fl-ekonomija Maltija

minn Edward Zammit Lewis, Ministru għat-Turiżmu

Ftit tal-ġranet ilu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li pajjiżna laħaq mira eċċezzjonali oħra fit-turiżmu f’Diċembru 2016 – żieda ta’ kważi 33 fil-mija fit-turisti li jżuru pajjiżna meta kkumparat mas-sena ta’ qabel.

Fi ftit kliem dan ifisser li s-sena li għaddiet il-gżejjer Maltin u Għawdxin laqgħu kważi żewġ miljun turist. B’kollox żaruna 1,988,447 turist.  Taħt Gvern Laburista, sa mill-2013, rajna żieda ta 10.5 fil-mija fi dħul ta’ turisti meta mqabbel mas-snin ta’ qabel. Statisikament hu ppruvat li f’perjodu ta’ tliet snin ġġenerajna d-doppju ta’ tkabbir minn dak li ġġeneraw amministrazzjonijiet preċedenti fi żmien tmien snin. Aktar minn hekk f’dan l-istess perjodu żdidna t-turisti b’nofs miljun.

Meta ħabbarna din l-istatistika flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat aktar kmieni din il-ġimgħa, esprimejt is-sodisfazzjon tiegħi għal dan ir-rekord fenomenali bħalma wkoll esprimejt il-fiduċja tiegħi li sa l-aħħar ta’  din is-sena nilħqu l-mira taż-żewġ miljun turist.

Is-suċċessi fl-2016 ma waqfux hawn. Riżultat pożittiv ieħor hu li l-infieq turistiku żdied b’4.3 fil-mija fl-2016, li tlaħħaq il fuq minn 1.7 biljun ewro, u dan ifisser li 70 miljun ewro oħra ġew injettati fl-ekonomija lokali.

Sa mill-2013 sa llum, mhux talli ksirna kull rekord fit-turiżmu, talli estendejna l-istaġjun turistiku, u kelna tkabbir sinnifikanti fi swieq li huma regolari għal Malta, u oħrajn li huma aktar ġodda. Is-suċċess li qed jirnexxilna niksbu fl-istaġun tax-xitwa huwa konferma li qed jirnexxielna ngħelbu l-istaġjonalita’.

Dan ir-riżultat ma jistax jgħamilna milli nkomplu nkattru ħidmietna biex intejbu l-prodott turistiku Malti u Għawdxi. Ninsabu fit-triq it-tajba, iżda bħal kollox, dejjem hemm fejn tmur għall-aħjar. Nisħaq li l-oġġettiv politiku tagħna hu li ntejbu l-kwalita’ fis-settur turistiku kollu u dan għadnu jsir sabiex nibqgħu kompetittivi u sostenibbli f’dan is-settur tant kruċjali għal pajjiżna.

Kif qed nitkellmu dwar it-turiżmu, ma nistax ma nsemmix punt strateġiku għalina, il-konnettivita’ tal-ajru. Dan huwa settur ieħor li fih ksibna riżultati pożittivi wkoll. Mhux talli ftaħna għal swieq ġodda u tejjibna dawk eżistenti, talli dan il-proċess wassal biex jirrifletti żieda fit-turisti fl-istaġjun tax-xitwa. Permezz tal-konnettivita’ tal-ajru li qed nespandu, qed jirnexxilna nilħċqu swieq ġodda.

Ta’ min infakkar li fis-sajf li għadda ġew introdotti 15-il rotta ġdida u żdiedet il-frekwenza fuq 11-il rotta oħra, dan permezz ta’ 12-il linja ta’ ajru differenti. Il-ħidma tagħna ma waqfitx s’hawn. Fix-xitwa ta’ din is-sena introduċejna 17-il rotta ġdida filwaqt li fis-sajf li ġej ser inkunu qed ninkludu aktar rotot ġodda.

Id f’id mat-turiżmu hemm ukoll is-suq tal-cruiseliners, suq li kulma jmur dejjem qed jikber u jsir parti fundamentali mill-istrateġija turistika tagħna. L-istatistika turi li dawk li jkunu żaru Malta permezz ta’ cruiseliner, eventwalment jerġgħu jiġu pajjiżna sabiex iqattgħu aktar ġranet. Fattur ieħor importanti hu li qed nimxu minn port-of-call għal aspett iktar importanti, dak tal-home-porting, mezz ta’ kif ingawdu aktar ekonomikament.

F’dan ir-rigward, ftit ġimgħat ilu kont ħabbart li minn Awwissu li ġej ser inkunu qed nilqgħu l-P&O Oceania, operatur importanti ieħor li ser ikollu l-home-porting ibbażat Malta.

Fl-2016 ilqajna ’l fuq minn 682,000 passiġġiera tal-cruiseliners, żieda ta’ l fuq minn tnejn fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. It-tbassir għas-sena finanzjarja 2017 hu li naqbżu s-700,000 passiġġier bil-cruiseliners.

Biex bħala pajjiż nibqgħu kompetittivi, rridu nagħtu valur lir-riżorsi umani u dwar dan il-punt dejjem nitħadtu mal-imsieħba ewlenin biex jinvestu fil-ħaddiema tagħhom u jatuhom il-valur li ħaqqhom.

Ir-rwol tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) għandu jibqa s-sinsla għat-taħriġ tal-istudenti li huma interessati fis-settur turistiku u għalhekk nistenna li l-Istitut jibqa’ jikber u jiżviluppa kemm f’termini akkademiċi eċċellenti kif ukoll billi jibqgħu jiżdiedu l-istudenti li jagħżlu t-turiżmu bħala karriera tagħhom.

Il-ħidma qatiegħa tal-Gvern fl-industrija tat-turiżmu u setturi oħra mżewqa magħha kif ukoll ir-riżultati pożittivi permezz tal-politika tagħna huma riflessjoni ta’ sinerġija kollaborattiva bejn l-imsieħba kollha fit-turiżmu.

Ir-riżultat li ksibna fl-2016 hu grazzi għall-isforz tas-settur privat, l-operaturi, trejd unjins, ħaddiema, NGOs u entitajiet pubbliċi, u mhux l-inqas il-kollegi tiegħi. Minn hawn nixtieq ngħdilhom grazzi u nibqgħu naħdmu flimkien sabiex l-2017 tkun rekord ieħor.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

You may use these HTML tags and attributes:

<a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <s> <strike> <strong>