Waqt it-tnedija tal-Malta Movie Trail, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis tenna li matul din il-leġiżlatura fl-industrija tal-films kien hemm element qawwi ta’ diversifikazzjoni.  Minbarra films li ġew attirati, numru ta’ sensiliet għat-televiżjoni internazzjonali u produzzjonijiet ta’ reklami għal ditti rinomati, nefqu miljuni ta’ ewro f’ pajjiżna.  Din l-industrija kompliet tagħti kontribuzzjoni importanti lill-ekonomija ta’ Malta.

 

Il-Ministru Zammit Lewis qal li mill-1925, inħadmu madwar 150 feature film u bosta aktar produzzjonijiet għat-televiżjoni, fuq il-gżira tagħna, uħud minnhomżgħar u oħrajn ta’ skala ikbar bħal Risen Assassin’s Creed, 13 Hours: The Secret Soldiers of Benghazi, Renegades u By the Sea.

 

L-industrija tal-films ġewwa Malta hi industrija li kulma jmur qiegħda tikber u għalhekk huwa importanti li nkomplu ninvestu fiha. F’dawn l-aħħar snin l-industrija tal-films kienet waħda mis-setturi ekonomiċi li żviluppaw b’rata għolja ħafna. Fuq livell nazzjonali rajna sforz kollettiv sabiex din l-industrija tibqa’tikber billi l-Gvern u s-settur privat ħadmu id f’id sabiex ġew attirati lejn Malta films kbar, b’atturi popolari ħafna, fosthom Angelina Jolie, Brad Pitt, Christian Bale, Michael Fassbender  u oħrajn, saħaq il-Ministru għat-Turiżmu.

 

Huwa wkoll fatt li ħafna turisti jfittxu dawk il-postijiet fejn ikunu nħadmu films kbar tal-atturi favoriti tagħhom. Għaldaqstant wieħed ma jistax jinjora l-fatt li dan jista’ jkun settur interessanti fit-turiżmu u huwa għalhekk qed issir kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Malta Film Commission u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sabiex tinħareġ informazzjoni  fuq dawk il-films b’fama internazzjonali li nħadmu hawn Malta matul iż-żminijiet, kompla jgħid il-Ministru.

 

Fi kliem il-Ministru għat-Turiżmu, dawn il-pannelli informattivi li qed jiġu mnedija fil-Belt Valletta jagħmlu parti mill-Malta Movie Trail li se tkun qed timmarka numru ta’ postijiet li fihom inħadmu films popolari bħal:

  • Valletta (5 pannelli – Triq il-Lvant, Sant Iermu, Waterfront, Barrakka ta’ Fuq, Entratura tal-Belt)
  • Marsaxlokk (Munich)
  • Kemmuna (The Count of Monte Cristo)
  • Birgu (The Count of Monte Cristo)
  • Il-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa (Troy)
  • Imdina (Game of Thrones, Count of Monte Cristo)
  • Imġarr ix-Xini (By the Sea).
  • Dwejra (Game of Thrones, Clash of the Titans)

 

Il-Ministru għat-Turiżmu temm jgħid li huwa importanti li postijiet f’Malta fejn nħadmu films kbar nkomplu nkattru n-niċċa ta’ screen tourism. Statistika turi li hemm numru konsiderevoli ta’ turisti li żaru lil pajjina, wara li jkunu saru jafu b’Malta minn fuq films jew sensiliet tat-televiżjoni internazzjonali. Fost oħrajn, dawn il-viżitaturi jkunu jridu jżuru lokalitajiet fejn inġibdu xeni tal-films.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, is-Sur Paul Bugeja stqarr kif “għal diversi snin, Malta irnexxielha tagħmel suċċess fl-industrija tal-films billi ġibdet lejha numru ta’ produzzjonijiet internazzjonali ta’ kalibru. Issa fi ħsiebna li dan is-suċċess insarrfuh fi prodott turisitiku interessanti, fejn flimkien mal-Malta Film Commission u l-Ministeru għat-Turiżmu, qed nieħdu għadd ta’ inizjattivi. Wara li xi żmien ilu, organizzajna korsijiet speċjali ta’ taħriġ għall-gwidi dwar is-suġġett, u ċċertifikajna dawk li segwew il-kors b’suċċess, illum qed iniedu numru ta’ pannelli kif ukoll fuljett informattiv dwar dawk il-postijiet li ntużaw waqt il-ġbid ta’ films fil-Gżejjer Maltin. Din hija niċċa ġdida għal Malta li nemmnu li tista’ tattira numru ta’ viżitaturi fis-snin li ġejjin.”

 

Il-Kummissarju tal-Films s-Sur Engelbert Grech qal li “madwar id-dinja, Malta hija magħrufa bħala pajjiż uniku fejn jinħadmu films kbar.  Huwa ta’ unur għalija li permezz tal-films qed nagħtu identità lil pajjiżna, u nikkontribwixxu sabiex aktar turisti jagħżlu lil Malta.”