Meta l-Partit Laburista talab il-fiduċja tal-elettorat 4 snin ilu ippreżenta lill-poplu manifest elettorali fattwali u b’saħħtu. L-elettorat emmen f’dan il-manifest u ta l-fiduċja lil dan il-Moviment Laburista. Issa li għaddew 4 snin ta’ Gvern Laburista nemmen bis-sħiħ li l-wegħdiet elettorali fil-assolut tagħhom ġew mwettqa u ndirizzati u anki lill hinn minn hekk. Huwa fatt li 85% tal-manifest elettorali ġie mwettaq u onorati.

Dak li jiddiskrivi tant tajjeb il-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat bħala l-miraklu ekonomiku ta’pajjiżna, kien xprunat mill-gvern imma magħmul bl-għaqal u l-bżulija tagħna lkoll. Żgur li dan il-gvern ma sabx sodda ta’ward tistennih. Sab diffikutajiet ekonomiċi li wasslu wkoll għall nuqqas fl-indirizz ta’ issues soċjali, nixfa fl-investiment u sinjali serji ta’ problema ta’ ħolqien tax-xogħol sostenibbli. Korporazzjonijiet u kumpaniji governattivi matul is-snin tħallew jikkrollaw u saru piż ekonomiku u theddida finanzjarja u għas-sostenibilita tal-impjiegi fi ħdan dawn il-kumpaniji. Imma dan il-gvern ma qatax qalbu. Middejna għonqna għax-xogħol. Dan il-gvern wiegħed enerġija sostenibbli, enerġija nadifa u kontijiet orħos. U dak li għamel. Biex jirpilja l-ekonomija ma marx għal soluzzjoni ta’ awsterita imma inċentiva lil dan il-poplu bieżel Malti u Għawdxi sabiex jagħmel il-kuraġġ u jinvesti, sabiex joħroġ jaħdem, sabiex ikun aktar innovattiv u jsaħħaħ in-negozju.

Żgur li dan il-gvern se jibqa mfakkar għall-introduzzjoni tac-childcare b’xejn li żiedet l-ammont ta’ nisa jaħdmu u jikkontribwixxu lejn l-ekonomija Maltija. Kien dan il-gvern li attira investimenti barranin u inċentiva n-negozjant Malti sabiex ikompli jkabbar l-operat tiegħu. B’hekk inħolqu eluf ta’ mpjiegi li xorrbu ċ-ċifra ta’ 7,000 persuna qegħda rreġistrati xahar qabel mil-bidu ta’ din il-leġiżlatura u issa għandna kważi full-employment b’inqas minn 2,500 persuna li jirreġistraw għax-xogħol.

L-inċentivi ta’ dan il-gvern li wasslu għal kisbiet kbar huma numerużi ferm. Tant sar li sirna noħduhom bħala ovvji u naturali llum il-ġurnata. Ir-riformi u l-kisbiet ma kienux biss dawk ekonomiċi. Għal kuntrarju ta’ dak li jgħid ħaddieħor kellu jkun dan il-gvern li jintroduċu u jilleġiżla liġijiet li jiggarantixxu governanza tajba, kontabilita, trasparenza u responsabbilta. Dan ġara bl-introduzzjoni tal-liġijiet tal-Whistleblower, tal-finanzjament tal-partiti u kif ukoll il-liġi tal-preskrizzjoni fuq il-politiċi. Dawn huma għodda li kienu mwegħda minn gvern preċedenti għaxriet ta’ snin ilu imma qatt ma twettqu. Kellu jkun dan il-gvern sabiex isiru u ma nibqgħux fl-aħħar post fost il-pajjiżi Ewropej fejn jidħlu liġijiet marbuta mal-governanza u trasparenza.

Konna l-agħar fl-Ewropa fejn jidħlu drittijiet ċivili għall-minoranzi f’pajjiżna. Dan il-gvern kien katalist u għamel riformi bla preċedent fejn jidħlu drittijiet ċivili u minn l-aħħar fl-Ewropa sirna l-aqwa u mudell għall-pajjiżi oħra. Haddieħor qagħad gallarija u astjena, il-gvern ma beżax u wettaq dak li wiegħed b’konvinzjoni għaliex kullħadd hu mportanti, ħadd mhu irrelevanti.

It-tħaddim serju tal-idejali soċjal-demokratiċi ssoktaw bl-introduzzjoni taż-żiediet fil-paga minima u fil-pensjonijiet għall-ewwel darba wara ħafna u ħafna snin. Ta wkoll id-dinjita lil persuni b’diżabilita billi tahom inċentivi sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u kif ukoll fetaħ diversi djar fil-komunita’ għas-serħan il-moħħ tal-ġenituri li għandhom uliedhom b’diżabilita. Fassal u ħaddem il-garanzija għaż-żgħazagħ ta’ tagħlim, taħriġ jew xogħol, garanzija suċċess li wkoll saret mudell u ġiet introdotta fuq livell ta’ Unjoni Ewropeja.  Ħaseb ukoll fil-koppji żgħażagħ li ħaffrilhom it-taxxa tal-boll fuq l-ewwel dar tagħhom u għenhom konkretament sabiex jibdew il-familji tagħhom. Assistenja wkoll għal rivoluzzjoni fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna u attirajna investiment barrani li b’permezz ta’l-iskola Medika ta’ Barts qed nippromwuvu u npoġġu lil pajjiżna bħala punt ta’ referenza eċċellenti għat-Turiżmu Mediku.

Il-Prim Ministru afdali d-dekasteru ferm importanti tat-Turiżmu. Kif inħobb ngħid: mit-turiżmu jiekol kullħadd u dan bir-raġun hekk kif din l-industrija għalħafna u ħafna snin kienet u għadha mutur ewlieni għall-ekonimija Maltija. Irreġistrajna kisbiet kbar f’dan is-settur fejn anki jekk tħares lejn iċ-ċifri, jitkellmu waħidhom.

Is-suċċess fit-turiżmu tul din il-leġiżlatura huwa bla preċedent. Nista nikkonferma b’sodisfazzjoni li l-Ministeru għat-Turiżmu wettaq diġa 96% tal-wegħdi elettorali attribwiti mad-dekasteru li ġie fdat lili. Dan it-twettiq ta riżultati li sa 4 snin ilu dehru ambizzjużi ferm. Is-sena l-oħra irnexxielna nattiraw lejn pajjiżna kważi żewġ miljun turist. Dan hu tragward li kien mistenni li jintħalaq fl-aħħar ta’ din is-sena li qegħdin fiha. Irnexxielna nagħmlu lil din l-industrija aktar sostenibbli b’permezz ta’ inizzjattivi u ħidma fosthom b’introduzzjoni ta’ aktar linji ta’ l-ajru ġodda u rottot ġodda li qed joperaw minn u għal Malta. B’dan il-mod prattikament irnexxielna negħlbu l-isfida ta’ l-istaġġjonalita u din issir parti mill-istorja turistika ta’ pajjiżna. L-ammont ta’ turisti li jżuru pajjiżna fix-xhur tax-xitwa qed dejjem jikber u qegħdin nirreġistraw tkabbir rekord wieħed wara l-ieħor, sena wara sena. Dan kollu qed jagħmel lil Malta l-inqas destinazzjoni staġġjonali fil-Mediterran.

Għaldaqstant mhux kumbinazzjoni li tul dawn l-4 snin irreġistrajna tkabbir fl-ammont ta’ turisti daqs kemm kien irreġistrat taħt gvern preċedenti f’20 sena sħaħ. Meta nqabblu s-suċċess tagħna f’din l-industrija ma pajjiżi kompetituri tagħna insibu li t-tkabbir li afferma pajjiżna jiżboq bil-bosta dak irreġistrat b’mod medju fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja u kif ukoll tar-reġjun Mediterranju.

Id-dħul finanzjarju mit-Turiżmu tul din il-leġiżlatura kien wieħed straordinarju. Dan id-dħul kien ċertament ta’ xprun ewlieni sabiex id-defiċit li kellu pajjiżna sar storja tal-passat u saħansittra rreġistrajna l-ewwel surplus wara 27 sena.

Xejn minn dan kollu ma ġie b’kumbinazzjoni jew bix-xorti. Dan kollu hu frott il-ħidma ta’ pjan. Fassalna politika għat-turiżmu b’viżjoni u nista b’wiċċ minn quddiem nafferma li twettqet.

Madanakollu għad fadal ħafna x’isir, għadna nofs triq. Kif aċċennajt ftit ġranet ilu, il-ħidma tagħna qedha fil-half-time. Jonqosna t-tieni taqsima.  Ippreparati għaliha b’aktar ħeġġa u determinazzjoni. L-aħjar żmien ta’ pajjiżna qed ngħixuhom u se nissoktaw inkattruhom. Immorru quddiem il-poplu b’wiċċna minn quddiem għax li wegħdna wettaqnih. Jien ninsab sodisfatt u kburi li nifforma parti mill-kabinett ta’ Dr. Joseph Muscat u ħdimt għal dan is-suċċess. Nimpenja ruħi b’aktar saħħa sabiex jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja, inkomplu t-tieni nofs ta’ din ir-roadmap li fassalna flimkien. Ma dan il-gvern il-poplu jaf fejn qiegħed. Persważ li l-poplu se jħoss din is-sejħa għal kontinwazzjoni ta’ aktar ġid maħluq għal kullħadd, kredibilita u serħan il-moħħ.

Nemmen fil-potenzjal ta’ pajjiżna u f’dan il-poplu Malti u Għawdxi li kapaċi joħlom aktar, jwettaq aktar u jikseb aktar suċċessi sabiex inkomplu nkunu l-aqwa fl-Ewropa.