MICE jew ‘Meetings Industry’  hija sezzjoni taħt l-umbrella tal-industrija turistika li tinkludi konvenzjonijiet, konferenzi, kungressi, fieri, esibizzjonijiet, incentive events u corporate/busimess meetings. Dan hu settur b’potenzjal li joffri benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ntelletwali.  MICE hija industrija minnha nfiha, li tista tkun mutur ewlieni fl-iżvilupp tad-destinazzjonijiet turistiċi u għaldaqstant ġeneratur importanti ta’ dħul, ħolqien tax-xogħol u investiment barrani.

 

Dan is-segment turistiku huwa fenomenu li qed jikseb aktar popolarita globali. Studji riċenti tefgħu dawl fuq l-impatt tal-ivvjaġġar bi skop ta’ business hekk kif naraw li fir-Renju Unit delegati għal-konferenzi u laqgħat jagħmlu 30% tal-viżitaturi kollha ġewwa l-Gran Brittanja. Fil-Messiku madwar 780,000 impjieg huma attribwiti mas-settur tal-MICE filwaqt li fil-Kanada dan is-settur jiġġenera mat-32 biljun dollaru Kanadiż fis-sena.

 

Is-settur turistiku Ewropew huwa konxju u qed jagħraf l-importanza li jifhem il-bżonnijiet u l-aspetazzjonijiet tal-istakeholders f’dan is-settur. Fl-2015 sar seminar internazzjonali fil-Belġju organizzat bejn l-Għaqda Dinija għat-Turiżmu fi ħdan il-Ġnus Magħquda (UNWTO) u l-Kummissjoni Ewropeja ta’ l-Ivvjaġġar (ETC) sabiex jippreżentaw il-kriterji ewlenin li jinfluwenzaw l-għażla tad-destinazzjoni mill-organiżżaturi tal-konferenzi u kif ukoll jindirizzaw l-impatt ekonomiku u soċjali tas-settur tal-MICE.

 

Hekk kif għadna kif ħabbarna b’sodisfazjon li f’Malta ilqajna kważi żewġ miljun turist is-sena l-oħra u kif ukoll irnexxielna tul din il-leġiżlatura, nxejnu l-isfida ta’ l-istaġġjonalita, nemmen li issa t-triq il-quddiem sabiex l-industrija turistika tagħna tissokta fis-sostenibilta tagħha mhux biss nkomplu nkabbru l-ammont ta’ turisti fl-istaġun xitwi imma wkoll nagħrfu s-sinjali taż-żmien u nfittxu li nisfruttaw setturi diversi li jgħinu u joffru kwalita għola fil-prodott u nnovar f’promozzjoni ta’ niċċeċ turistiċi differenti, fosthom hemm is-settur tal-MICE.

 

L-impenji lokali assoċċjati mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja joħloq katina ta’ organiżżazzjoni kkoordinata u professjonali sabiex il-laqgħat għolja li qed isiru f’pajjiżna jilħqu l-livell mistenni. Is-suċċess li qed ikollna fl-organiżżazzjoni ta’ dawn il-laqgħat għolja kemm lejn l-aħħar tas-sena 2015 b’permezz tal-Malta Summit u c-CHOGM u kif ukoll dawk li qed iseħħu tul dawn l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, qed iservu sabiex nagħtu l-importanza xierqa lejn in-niċċa turistika tal-organiżżar u l-ospitalita’ ta’ konferenzi, konvenzjonijiet u esebizzjonijiet internazzjonali.

 

Fost l-irwoli li għandha l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu (MTA) huwa li tippromovi lil pajjiżna bħala destinazzjoni għal konferenzi internazzjonali u incentive groups. L-iskop li waqqaft Conventions Malta fi ħdan l-MTA f’Mejju tal-2015, huwa sabiex tissaħħaħ aktar l-importanza mogħtija lis-settur tal-corporate and incentive travel u kif ukoll l-Associations Market Business għal u f’Malta. Apparti l-promozzjoni, l-irwoli prinċipali oħrajn ta’ din il-fondazzjoni huma: ir-riċerka u l-ippjanar, l-iżvilupp tal-prodott u l-quality assurance. Hekk kif nifhmu l-benefiċċju ta’ dan is-settur tal-MICE għall-industrija tat-Turiżmu tagħna rajna li jkollna wkoll professjonisti dedikati f’dan il-qasam fl-uffiċċji tal-MTA barra minn Malta fosthom fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Franza.

 

Malta qed tkabbar il-popolarità tagħha bħala attrazzjoni għall-konvenzjonijiet u konferenzi internazzjonali.  Il-Gżejjer Maltin joffru varjeta ta’ dawk msejħa venues li huma mpressjonanti u spettakolari bħal kastelli, palazzi u fortifikazzjonijiet, flimkien ma diversi swali għall-konferenzi ta’ diversi qisien f’lukandi differenti u swali taċ-ċinema. Pajjiżna wkoll huwa mżejjen b’parks, pjazzez u spazji miftuħa għall-avvenimenti fl-apert ta’ ċertu kobor.

 

Studju li sar is-sena l-oħra ppublikat f’Milan bl-isem: ‘’Meeting Industry in Europe: Benchmarking the meeting facilities and the attractivemness of European destinations’’, isemmi li fost il-551 venue t’eċċellenza madwar 34 pajjiż Ewropew li jifilħu mill-inqas 2,000 partiċipant għal-sessjonijiet plenarji f’forma ta’ tejatru, f’Malta hawn tnejn minnhom li huma Dar il-Mediterran għal Konferenzi u ċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali.

 

Is-sena l-oħra u kif ukoll din is-sena qed isiru investimenti kbar f’Dar il-Mediterran għal Konferenzi sabiex din tkun attrazzjoni turistika u aktar minn hekk issaħħaħ il-potenzjal li tkun attrazzjoni ewlenija fil-Mediterran bħala ċentru t’eċċellenza li jilqa’ u jiġu organizzati fiha avvenimenti u konvenzjonijiet nazzjonali u internazzjonali.

 

Skont l-istudju Business Travel Performance magħmul mill-MTA għas-sena 2015, hemm stmat li mat-98,000 delegat żar pajjiżna, żieda ta’ 14% fuq is-sena ta’ qabel. Dan l-istess stħarriġ jindika li 40% tal-Meeting Industry f’Malta huwa ġġenerat mill-Quality Assured Destination Management Companies (QA DMCs). Huwa stmat skont dan l-istħarriġ li kull delegat jonfoq mal-€715. Il-kummerċ iġġenerat mill-QA DMCs fl-2015 kien ta’ madwar €28.2 miljun. Insibu wkoll li 45% tad-delegati jasslu Malta b’permezz tal-linja ta’ l-ajru nazzjonali tagħna l-Air Malta.

 

Skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika fl-2016, il-viżitaturi li żaru pajjiżna fuq skop professjonali u ta’ negozju ammonta għall-136,770 persuna. Dan ifisser 18% aktar mill-bidu ta din il-leġizlatura l’hawn.

 

B’permezz ta’ Conventions Malta fl-2016 ġew issapportjati mat-63 konferenzi u avvenimenti li laqqgħu l’fuq  minn 11,560 persuna. Għal din is-sena hemm diġa ppjanati 29 konferenza jew avventiment li se jkunu ssapportjati minn Conventions Malta.

 

Pajjiżna hu mgħoni b’karatteristiċi li nemmen li jistgħu jagħtuna vantaġġ f’dan is-settur tal-MICE. Pajjiżna huwa żgħir b’distanzi qosra biex tivvjaġġa minn post għall-ieħor. Il-klima favorevoli ta’ Malta hija fattur li jattira lill-organiżżatur partikolarment fix-xhur xitwin. Fatt ieħor huwa li l-għarfien tal-lingwa Ingliża huwa kważi kważi naturali għal Poplu Malti Għawdxi. Dan imur pari passu mal-karattru ospitabbli ta’ dan il-poplu.

 

Vantaġġi oħra li qed neċċellaw  fihom partikolarment tul din il-leġiżlatura hija r-reputazzjoni robusta ekonomika li qed jikseb pajjiżna madwar id-dinja u ċ-ċertifikati pożittivi li qed jikseb minn fora u aġenziji ta’ kreditu internazzjonali. Is-settur turistiku nniffsu huwa storja ta’ suċċess, bi tkabbir bla preċedent minn sena għall-oħra. Jikkumplimenta dan kollu huwa l-fatt li Malta tgawdi konnettivita bl-ajru mill-aqwa ma bosta ajruporti Ewropej ewlenin, konnetivita li dejjem qed tiżdied. U fuq kollox Malta tgawdi rikonoxximent eċċezzjonali ta’ sigurta f’reġjun li għalkemm mimli sbuħija u attrazzjonijiet uniċi, sfortunatament huwa suxxettibbli għal inkwiet u nuqqas ta’ stabbilita politika. Il-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropeja li qed tippresiedi Malta bħalissa żgur se sservi ta’ vetrina għal dan kollu.

 

Madanakollu hemm sfidi li rridu nindirizzaw sabiex pajjiżna ikun xempju dehen u eżempju ta’ ċentru t’eċċellenza li eventwalment jirrikonoxina bħala l-għażla naturali għall-organiżżaturi involuti f’dan is-settur tal-MICE fir-reġjun Mediterranju. L-akbar sfida tibqa dejjem dik infrastrutturali. Sfida oħra hija l-ħtieġa ta’ aktar persuni mħarġa u speċjaliżżati f’dan il-qasam. Hemm ukoll il-ħtieġa li f’pajjiżna jkollna aktar investituri li jħarsu lejn din in-niċċa bħala opportunita tad-deheb kif filfatt hi sabiex jinvestu fil-ħolqien ta’ aktar venues li jistgħu jospitaw konferenzi u avvenimenti ta’ ċertu kobor u livell internazzjonali.

 

Sodisfatt li ħabbart il-proġett ta’ kampus ġdid għall-ITS ġewwa Smart City li se jkun ċentru t’eċċellenza fir-reġjun Mediterranju fejn l-istudenti li qed jaspiraw li jkollhom karriera fl-industrija turistika jkunu jistgħu jispeċċjaliżżaw f’diversi oqsma ta’ l-istudji turistiċi u dan jinkludi wkoll is-settur tal-MICE.

 

Il-proġett u investiment lokali turistiku bla preċedent li għadu kif ġie mħabbar li se jseħħ fuq is-sit preżenti ta’ l-ITS fil-Bajja ta’ San Ġorġ huwa wkoll konferma  ta’ gvern li għandu viżjoni u li jaf jaqra l-kitba fuq il-ħajt għat-tkattir fis-suċċessi li qed ikollu pajjiżna fl-industrija tat-turiżmu u eventwalment fl-ekonomija inġenerali ta’ Malta. Proġett ta’ din il-portata jattira bil-bosta l-istakeholders involuti f’niċċa hekk speċjaliżżata bħal MICE, għax mhux biss se joffri swali u venues ta’ kwalita u ta’ kobor li jissodisfaw il-kredenzjali internazzjonali f’dan is-settur imma wkoll joffri prodott turistiku ta’ kwalita ferm għolja, attrajenti u nnovattiv.

 

Tul dawn l-ewwel 4 snin ta’ din il-leġiżlatura intlaħħqu tragwardi u miri bla preċedett. Dawn il-kisbiet żgur ma ġewx b’kumbinazzjoni. Is-suċċess wara dan kollu huwa attribwit għar-roadmap u strateġiji għaqlin u kuraġġjużi li ħa u se jkompli jieħu dan il-gvern għat-tkabbir u s-sostenn ta’ din l-industrija li hi pilastru ewlieni għall-ekonomija Maltija. Kommess li nissokta fil-ħidma biex b’kollaborazzjoni u ftehim mas-settur privat u l-istakeholders kollha tas-settur, jogħla l-livell tal-prodott tagħna u ninvestu fl-innovazzjoni u attrazzjoni ta’ swieq u niċċeċ li mhumiex meqjusa tradizzjonali imma qed joffru opportunitajiet kbar għal espansjoni sostenibbli u ekonomika ta’ l-industrija tat-turiżmu.

 

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

You may use these HTML tags and attributes:

<a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <s> <strike> <strong>