Waqt l-inawgurazzjoni tal-investiment  ta’ €2.5miljun fil-lukanda Victoria, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, faħħar lil AX Holdings għal dan l-investiment favur titjib fil-prodott offrut lit-turist f’din il-lukanda ta’ erba’ stilel li tinsab f’Tas-Sliema.

 

“Dan l-investiment huwa turija ta’ ċertifikat mis-settur privat li jtejbu l-prodott turistiku għax qed jaraw bil-fatti li kulma jmur it-turisti qed jibqgħu jiżdiedu xahar wara ieħor u għaldaqstant huwa neċessarju li jżommu l-livell għoli tagħhom”, qal il-Ministru Zammit Lewis.
Dan il-proġett li huwa immirat biex jagħti esperjenza unika lil viżitaturi jpoġġi lill-lukanda Victoria fil-quċċata ta’ stabbilimenti tal-akkomodazzjoni tal-ogħla livell, stqarr il-Ministru Zammit Lewis.

 

Ta’ min infakkru li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena pajjiżna laqa’ kważi 350,000 turist. “Dan hu rekord assolut hekk kif it-tkabbir li seħħ bejn Jannar u Marzu 2017, dak ta’ 23.7%, kien l-akbar wieħed li qatt sar fl-istess żmien tas-sena minn mindu ilha tinġabar l-istatistika permezz ta’ Tourstat”, kompla l-Ministru.

 

Il-Ministru rrefera għall-fatt li matul din il-leġislatura esperjenzajna żieda ta’ 131,700 fin-numru ta’ turisti fix-xhur tax-xitwa. Matul l-aħħar għaxar snin ta’ gvern preċedenti n-numru ta’ turisti li żdiedu bejn Jannar u Marzu kien ta’ 47,300. “Dan ifisser li bl-ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna fl-ewwel tliet xhur tas-sena f’dawn l-aħħar erba’ snin, irreġistrajna tkabbir li jlaħħaq mat-tliet darbiet u nofs aktar milli rreġistra gvern preċedenti fl-istess xhur imsemmija f’għaxar snin sħaħ”,  spjega l-Ministru.

 

Dawn iċ-ċifri straordinarji ma ġewx reġistrati b’kumbinazzjoni u għaldaqstant jikkonfermaw l-importanza u l-bżonn ta’ investimenti fil-prodott turistiku, bħall-investiment tal-lukanda Victoria u s-sinerġija pożittva li nħolqot mas-settur privat li ħallew tant frott.