Il-Ministru Edward Zammit Lewis inawgura proġett ta’ manutenzjoni u ta’ preservazzjoni tal-cart ruts f’San Ġwann. Il-proġett se jiswa madwar sebgħin elf ewro u qed isir bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi u tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA).

 

Il-cart ruts jinsabu f’tarf Triq il-Mensija f’San Ġwann. Insibu bosta cart ruts f’diversi partijiet tal-gżejjer Maltin, li skont l-arkeoloġisti dawn imorru lura għaż-żmien tal-Bronż, madwar 2,000 sena QK.

 

Minkejja li l-lokalità ta’ San Ġwann mhix żona turistika u l-cart ruts mhumiex meqjusa bħala siti arkeoloġiċi ta’ importanza ewlenija, xorta waħda jiffurmaw parti mill-wirt kulturali lokali. “Hu importanti li nippreservaw dawn is-siti li qegħdin fil-komunità għax jipprovdu identità u interess lokali”, qal il-Ministru Zammit Lewis. Issa li hu aktar evidenti li pajjiżna sar prodott turistiku integru wieħed, siti bħall-cart ruts huma sfont interessanti fid-dettall tat-tifsil tal-btala tat-turist, kompla l-Ministru.

 

“Kien ta’ pjaċir li tara kemm il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi u l-MTA jirrispondu b’entużjażmu għat-talba ta’ assistenza mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann biex jintervjenu b’risq it-titjib ta’ dan is-sit partikolari”, spjega Edward Zammit Lewis.

Wara spezzjonijiet preliminari tas-sit u konsultazzjoni ma’ esperti ekoloġiċi u arkeoloġiċi, beda proċess ta’ tindif fis-sit kif ukoll manutenzjoni tal-pajsaġġ bl-iskop li l-cart ruts esposti jitgawdew aħjar u mingħajr xkiel. It-tieni fażi tal-proġett hi t-tibdil taċ-ċint li jipproteġi dan is-sit li “jwassal għat-tielet fażi ta’ din l-inizjattiva li tinvolvi l-installazzjoni tal-viewing platform li tiffaċilita biex il-viżitatur ikollu veduta aħjar tal-cart ruts u b’hekk jiġi apprezzat aktar dan il-wirt storiku” qal il-Ministru għat-Turiżmu. Dan il-proġett se jkun komplut sal-aħħar ta’ din is-sena.

Il-proġett jikkumplimenta mal-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu mnedija mill-Ministeru fis-sena 2015, bil-għan li tħares l-estetika u l-kwalità ambjentali ta’ postijiet turistiċi li jeħtieġ li jitjiebu b’landscaping aħjar kif ukoll titjib fl-ambjent inġenerali, b’attenzjoni għad-dettall u għad-disinn, qal il-Ministru Zammit Lewis.

 

B’inizjattivi bħal dawn, qed intejbu l-wirt kulturali u naturali ta’ pajjiżna. “Dawn it-tipi ta’ żviluppi fix-xejriet tal-ivvjaġġar globali jorbtu mal-kunċett tat-turiżmu sostenibbli fejn aħna nipprovdu lit-turisti l-opportunità li jkollhom btala eċitanti u edukattiva u jservi ta’ benefiċċju għall-poplu tagħna wkoll”, spjega l-Ministru.

Il-Ministru spjega wkoll li inizjattiva bħal din tagħmel parti mill-politika ta’ dan il-gvern li tippromwovi niċeċ varji turistiċi, partikularment dik kulturali u storika li jinkludu wkoll proġetti oħra bħall-heritage trails u bħall-heritage routes, tal-aħħar tinvolvi wkoll proġetti fuq livell Mediterranju. Dan kollu jista’ jsir għax pajjiżna hu sinjur fil-wirt kulturali u storiku u għalhekk lit-turist nistgħu noffrulu wirt storiku ta’ ċivilizzazzjoni Maltija li tmur lura mal-5,000 sena.

“Għaldaqstant ninsab kommess li nissokkta fil-promozzjoni u fit-tkabbir ta’ din in-niċċa attraenti ferm u fl-istess waqt edukattiva u promozzjonali għal pajjiżna, hekk kif lit-turist inkunu qegħdin noffrulu dak kollu li jagħtina identità, dak kollu li jagħmilna Maltin u Għawdxin, u dak li jiddistingwina bħala poplu indiġenu fir-reġjun Mediterranju”, ikkonkluda l-Ministru għat-Turiżmu.

Il-Ministru rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann u lil Heritage Malta għall-kollaborazzjoni tagħhom mal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi u mal-MTA, biex dan il-proġett ikun mibdul f’żona turistika.