STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU

Il-ħaddiema huma l-protagonisti tas-suċċess turistiku li qed niksbu

Fl-indirizz tiegħu waqt żjara f’żewġ lukandi, waħda fil-Qawra u oħra f’San Ġiljan, u kif ukoll f’ristorant ġewwa l-Qawra, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis saħaq kif il-ħsieb wara dawn iż-żjarat hu li jingħata apprezzament lill-ħaddiema f’dan is-settur li, f’dawn iż-żminijiet marbutin maċ-ċelebrazzjonijiet ta’ festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, ikunu impenjati ferm aktar mis-soltu.

“Hija responsabbiltà kbira li jġorru l-ħaddiema fis-settur turistiku,” sostna l-Ministru Zammit Lewis. Ħidmiethom hija l-aktar kuntatt dirett mat-turist li tħalli mpatt immedjat fuq l-impressjoni tat-turist fuq pajjiżna; għalhekk huwa tajjeb li niċċelebraw dawn is-suċċessi miksuba f’din l-industrija għax huma suċċessi li huma msawwra bl-għaqal, bil-ħidma, u bil-bżulija kollettiva tagħna lkoll, imma fl-istess waqt nibqgħu naħdmu biex niżguraw aktar kisbiet għall-futur.

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li dawn ir-riżultati li qed jinkisbu fin-numru ta’ wasliet u l-infiq turistiku f’pajjiżna huma turija ta’ fiduċja internazzjonali lejn Malta. Minkejja l-kompetizzjoni ħarxa minn destinazzjonijiet ġirien tagħna, Malta qed jirnexxielha tattira dejjem aktar turisti barranin lejha li għażlu u ħarsu lejn pajjiżna bħala post sikur u ta’ rilassament, u li fih jistgħu jieħdu valur ta’ ħlas għall-btala tagħhom li ħafna drabi tħalli sodisfazzjon akbar milli kienu qed jistennew. Dan kollu hu grazzi għall-ħidma bla waqfien u kkollaborata bejn dan il-Gvern u s-settur privat, partikolarment il-ħaddiema kollha u l-investituri f’din l-industrija li mingħajr il-kontribut fejjiedi tagħhom żgur li ma nilħqux dan il-livell ta’ suċċess li qed ingawdu fis-settur turistiku Malti.

Fi ftit iktar minn tliet snin, dan il-Gvern irnexxielu jattira aktar turisti milli irnexxielhom jattiraw gvernijiet preċedenti fi tmien snin sħaħ. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena diġà kważi lħaqna ċ-ċifra rekord li rreġistrajna tul is-sena l-oħra sħiħa fl-ammont ta’ turisti li waslu f’pajjiżna. Bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena, l-infiq turistiku laħaq il-figura ta’ €1.54 biljuni, li ssarraf fi kważi €50 miljun aktar ta’ dħul dirett mit-turiżmu fl-ekonomija Maltija. Dan kollu jissarraf f’ġid dirett għal-lukandiera u s-sidien tar-ristoranti li qatt ma esperjenzaw żmien bħal dan.

L-Għaqda Dinjija tat-Turiżmu fi ħdan il-Ġnus Magħquda (UNWTO) rrikonoxxiet li Malta qed ikollha tkabbir fit-turiżmu ta’ darbtejn aktar mill-medja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

Għalkemm għax-xahar ta’ Novembru għadhom ma ġewx ippubblikati l-figuri uffiċjali, il-Ministru Zammit Lewis stqarr li ċifri preliminari proġettati jindikaw li n-numru ta’ wasliet ta’ turisti fix-xahar ta’ Novembru li għadda laħaq livelli rekord u qabeż dak reġistrat fl-istess xahar tas-sena l-oħra meta Malta esperjenzat influss qawwi ta’ delegazzjonijiet barranin b’konnessjoni maċ-

CHOGM u mal-Valletta Summit. “Dan ikompli jikkonferma l-fatt li Malta m’għadhiex dipendenti fuq avvenimenti ta’ darba sabiex jagħtu spinta fin-numru ta’ wasliet fix-xhur offpeak,” qal il-Ministru Zammit Lewis. Huwa żied jgħid li skont l-istess kalkoli preliminari, fl-aħħar xahrejn tal-2016 se nirreġistraw dak li jissejjaħ double digit growth, jiġifieri tkabbir ta ’l fuq minn 10% fuq l-istess xhur tas-sena ta’ qabel.

Dan it-tkabbir fin-numru ta’ turisti ma ġiex b’kumbinazzjoni. M’għadniex nisimgħu b’lukandi u stabbilimenti tal-ikel li jagħlqu jew inaqqsu l-operat tagħhom fl-istaġun xitwi. Il-Ministru għat-Turiżmu qal li filwaqt illi fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti l-lukandi kienu jagħlqu u ma jerġgħux jiftħu, bil-politika ta’ dan il-Gvern li qed toħloq stabbiltà ekonomika u finanzjarja li tixpruna u tippermetti lis-settur privat ikompli jinvesti f’din l-industrija, il-lukandi f’dawn l-aħħar erba’ snin qed jagħlqu temporanjament għal rinovar maġġuri.

Hekk kif nirrikonoxxu li l-ajru huwa l-mezz primarju li jgħaqqadna mas-swieq turistiċi globali, il-Gvern impenjat bis-sħiħ li jissokta fil-ħidma sabiex inżidu l-konnettività kemm f’din ix-xitwa u kif ukoll is-sajf li ġej. Il-Ministru Zammit Lewis issokta jgħid: “Irnexxielna tul din il-leġislatura li nagħmlu lil pajjiżna l-inqas destinazzjoni turistika fil-Mediterran li hija affetwata mill-istaġġjonalità turistika. Matul dawn l-aħħar xhur stinkajna bis-saħħa sabiex inkomplu nkattru l-konnettività. Nemmen li l-konnettività hija ċavetta importanti sabiex it-turiżmu f’pajjiżna jkompli jiżdied b’mod sostenibbli, jiġifieri fix-xhur xitwin”

“Dawn huma akkwisti li jimlewna b’kuraġġ sabiex inħarsu ’l quddiem b’pożittività għal aktar suċċess f’din l-industrija tat-turiżmu li hija ta’ sostenn dirett u indirett għal ammont ta’ setturi u industriji oħra importanti għal pajjiżna,” temm jispjega il-Ministru Zammit Lewis.

F’din iż-żjara, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis kien akkumpanjat miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, kif ukoll il-President u l-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Tony Zahra u Andrew Agius Muscat rispettivament, flimkien mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu Vincent Muscat u l-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru għat-Turiżmu Gail Demanuele.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

You may use these HTML tags and attributes:

<a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <s> <strike> <strong>