Is-sena 2017 kienet ġiet dikjarata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda bħala s-Sena Internazzjonali ta’ Turiżmu Sostenibbli għall-Iżvilupp. Din hija meqjusa bħala opportunità unika biex tqajjem fost li stakeholders privati u pubbliċi u l-pubbliku inġenerali għarfien tal-kontribut li turiżmu sostenibbli jista’ jagħti għall-iżvilupp. Fl-istess ħin li stakeholders ikunu mobilizzati biex jaħdmu flimkien biex jagħmlu mit-turiżmu katalista għal bidla pożittiva.

Fl-aħħar ta’ Marzu li għadda kont mistieden nindirizza konferenza f’Seville, Spanja, bħala parti mill-istrateġija mibnija abbażi ta’ dak dikjarat mill-Ġnus Magħquda għas-sena 2017 fejn jirrigwarda turiżmu. It-tema ta’ din il-konferenza kienet Smart Tourism Destinations’ contribution for the Planet and its People. 

Il-kunċett ta’ smart destination li jingħaqdu l-forzi sostenibbli, it-turiżmu ta’ esperjenza u l-użu adattat ta’ teknoloġiji għandu jkun l-kunċett bażiku għall-iżvilupp tad-destinazzjoni.

Huwa kalkulat li t-turiżmu jirrendi għal 27 fil-mija tal-ekonomija Maltija. Huwa kalkulat ukoll li fuq bażi ta’ Unjoni Ewropea t-turiżmu huwa t-tielet l-akbar attività socio-ekonomika. Dawn iż-żewġ fatturi waħedhom huma biżżejjed mera ta’ kemm it-turiżmu huwa komponent importanti fil-ħolqien tax-xogħol u tal-impjiegi u fl-iżvilupp ta’ diversi reġjuni Ewropej.

Kif dikjarat fil-preambolu tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea l-firmatarji tat-Trattat kienu spirati mill-wirt kulturali, reliġjuż u umantistiku. Dan ifisser żgur li primarjament dan il-wirt għandu jkun salvagwardat u mkabbar speċjalment għal skopijiet tal-industrija tat-turiżmu u għall-iżvilupp ta’ diversi reġjuni.

Is-sena 2018 hija s-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet lill-Kunsill Ewropew biex iqajjem aktar għarfien dwar l-opportunitajiet li joħloq il-wirt kulturali b’mod partikolari f’termini ta’ sostenibilità, djalogu u tkabbir ekonomiku. Għan ieħor huwa li tattira attenzjoni għall-isfidi li għandu l-wirt kulturali bħalma huma l-pressjonijiet ambjentali u soċjali.

Fuq livell ta’ Unjoni Ewropea Malta qegħdin ninsistu li l-Membri Stati kollha għandna ninvestu fis-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali għax din tirrikonoxxi l-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda għal Żvilupp Sostenibbli. L-Aġenda 2030 fasslet 17-il mira ta’ żvilupp sostenibbli maħsubin biex jeqirdu l-faqar, jipproteġu d-dinja u jassiguraw prosperità għal kulħadd. Tlieta minn dawn il-miri jiffokaw fuq it-turiżmu.

Għal dan il-għan tkun rikonoxxuta ċittadinanza globali, diversità kulturali u d-djalogu interkulturali. It-turiżmu huwa qasam essenzjali f’dan ir-rigward  għax huwa wieħed li jgħaqqad, ħolqa li torbot ħaġa m’oħra.

Dan jista’ jsir billi niffokaw fuq l-aktar għanijiet importanti u sostenibbli, bħall-promozzjoni għal tkabbir ekonomiku inklussiv billi nikkontribwixxu għal turiżmu sostenibbli bil-ħolqien ta’ aktar impjiegi permezz tal-kultura lokali kif rifless fl-ewwel mira tal-Ġnus Magħquda fejn jirrigwarda turiżmu.

It-tieni mira hija li għandha tkun stabbilita wkoll l-għodda biex ikun osservat u segwit l-impatt li jħalli l-iżvilupp ta’ turiżmu sostenibbli kif ukoll jitnaqqas dak li qed jolqot ħażin l-ambjent.

It-tielet mira hija li għandu jkun hemm konservazzjoni effettiva tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi marittimi filwaqt li jkun żviluppat qafas ta’ tmexxija adattata għas-sajd, akwakultura u setturi turistiċi oħrajn relatati.

Il-wirt kulturali huwa dak li jagħmel lill-Ewropa destinazzjoni turistika globali ewlenija. Din hija opportunità unika li m’għandnix nitilfuha biex inqajmu għarfien pubbliku u nifirxu l-informazzjoni dwar prattiċi tajbin filwaqt li nippromovu r-riċerka u l-informazzjoni.

It-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni m’għadhomx sempliċiment settur ieħor fl-ekonomija Ewropea imma huma temi li għandhom effett orizzontali li jħalli effett u impatt bażikament fuq is-setturi kollha ekonomiċi.

Madankollu din il-bidla dinamika qed toħloq kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi għas-sostenibilità ekonomika u soċjali. Huwa fl-obbligu ta’ kull Stat Membru li jaħdem fuq il-linji kif provduti mill-Kummissjoni permezz tad-Digital Single Market Stategy.

Anke jekk it-turiżmu huwa kontribut ewlieni għall-ekonomija tal-Unjoni Ewropea, mingħajr l-istrutturi u l-għodda neċessarji nistgħu nitilfu l-kompetittività internazzjonali, li hija vitali, u rridu naħdmu lkoll biex nilqgħu ħalli dan ma jsirx u b’hekk nassiguraw li l-Ewropa tibqa’ d-destinazzjoni globali ewlenija.

Mil-lenti turistika l-implimentazzjoni tad-Digital Single Market, li hija għan ewlieni tal-Presidenza Maltija, tgħin fit-trasformazzjoni diġitali tat-turiżmu. Issa huwa ż-żmien, definittivament, li nittrasformaw l-Unjoni Ewropea f’suq wieħed adattat għaż-żmien diġitali billi nibldu l-mentalità ta’ 28 suq nazzjonali għal suq wieħed u magħqud. Madankollu l-barrieri eżistenti qegħdin jillimitaw effetti ta’ benefiċċju għat-turisti, ċittadini u negozji.

Nemmen fermament li pjattaformi diġitali huma attwalment opportunità importanti għas-sostenibilità u mhux theddida. Il-possibilitajiet huma bla limitu, partikolarment għar-riċerka u għall-mezzi ta’ kif l-għarfien għandu jinqasam, b’kollox jikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni, effiċjenza u innovazzjoni.

Prijorità fundamentali oħra għal turiżmu sostenibbli hija t-titjib fil-konnettività reġjonali bl-ajru, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-European Aviation Strategy. Ir-riżultati ta’ dan tkun konnettività imtejba, ta’ min jorbot fuqha, sigura u profitabbli għal swieq periferjali għal negozju u turiżmu.

Dawn is-suġġetti kollha se jinkadraw f’konferenza ta’ livell għoli li se norganizza f’Malta bejn l-24 u s-26 ta’ Mejju li ġej fil-kuntest tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea. Il-parteċipanti f’din il-konferenza se jkunu qegħdin jirrappreżentaw varjazzjoni wiesgha ħafna tas-settur turistiku Ewropew biex flimkien niddiskutu l-futur turistiku tal-kontinent Ewropew, futur li jiggarantixxi destinazzjonijiet turistiċi smart.

Konvint li din il-konferenza se tkun waħda ta’ suċċess u li tagħmilna kburin bħala Maltin li konna aħna li ħloqna forum fejn dawn it-temi tant importanti jiġu diskussi għall-futur tat-turiżmu Ewropew.