F’pajjiżna kullħadd jirrikonoxxi kemm it-Turiżmu hi industrija importanti, anzi pilastru ewlieni fl-ekonomija Maltija.  Din ir-rikonoxxenza hija wkoll kkonfermata minn fora internazzjonali.  B’sodisfazzjon nilqa id-diversi rapporti internazzjonali li ġew ippubblikati f’dawn l-aħħar ġranet li jikkonfermaw l-effett pożittiv u robust li s-settur turistiku għandu fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna partikolarment f’dawn l-aħħar snin.

F’dawn l-aħħar jiem ħareġ il-World Economic Forum Travel & Tourism Competitiveness Index. Dan l-indiċi joħroġ kull sentejn u jkejjel il-kompetittivita tal-pajjiżi kollha fl-oqsma li jikkontribwixxu lejn l-ivvjaġġar u t-turiżmu. Ninnota bi pjaċir li f’dan l-indiċi Malta kklassifikat fis-36 post minn 136 pajjiż. Dan fisser li pajjiżna avvanza 4 postijiet ‘l fuq mill-aħħar indiċi li ġew ippublikati fl-2015. Minn fost il-pajjiżi l-oħra mseħbin fl-Unjoni Ewropeja, Malta kklassifikat f’pożizzjonijiet aħjar mil-Latvja, il-Litwanja, il-Bulgarija, l-Ungerija, s-Slovakkja, r-Rumanija u l-Polonja. Aktar minn hekk fl-indiċi ta’ din is-sena, pajjiżna rnexxielu saħansittra jaqbeż 4 pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropeja li huma Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja u s-Slovenja.

Fl-istess analiżi Malta baqgħet iżżomm l-ewwel post fit-termini ta’ prijoritiżżazzjoni li l-pajjiż jagħti lis-settur ta’ l-ivvjaġġar u t-turiżmu. Dan huwa ikkunsidrat bħala komponent ewlieni fil-kompettitivita turistika diretta ta’ Malta u l-iskor għoli li kiseb pajjiżna f’dan it-terminu jindika li Malta tikklassifika ferm għoli u tikkompeti tajjeb mal-pajjiżi meqjusa bħala “topmost range” mondjali fil-qasam tat-turiżmu.

Ġibna skor tajjeb ferm fejn jidħol infieq fuq is-settur turistiku bħala persentaġġ mill-Baġit tal-Gvern, f’termini ta’ kemm il-Gvern jagħti mportanza lil din l-industrija, fl-effett li jħalli l-marketing bħala mezz biex jattira t-turiżmu, fl-infrasstruttura użata għas-servizz turistiku li jinkludi l-ajruport internazzjonali u l-linja ta’ l-ajru Maltija. Pajjiżna kklassifika fost ta’ quddiem f’komponenti oħra ferm importanti fosthom fis-sigurta u kif ukoll fis-sanita u l-iġene.

Skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Organiżżozzjoni Dinija għat-Turizmu fi ħdan il-Ġnus Magħquda (UNWTO) fir-rapport tagħhom “European Union Short-Term Tourism Trends’’, ir-reġjun tal-Mediterran attira kważi 230 miljun turist fl-2016, li jsarrfu f’40% tad-dħul mill-infieq ġġenerat mit-turisti fl-Ewropa. Malta ikkomparat ferm tajjeb meta nqabblu mat-tkabbir medju miksub f’dan ir-reġjun Mediterranju anki f’kuntest tal-medja reġistrata bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja li jagħmlu parti mir-Reġjun tan-Nofsinhar ta’ l-Ewropa u l-Mediterran. Meta jitqabbel it-tkabbir perċentwali fl-ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna fl-2016 ma dak tas-sena preċedenti naraw li Malta rreġistrat żieda ta’ 10.2%. It-tkabbir medju fl-istess perjodi rreġistrat bejn il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropeja li jagħmlu parti mir-Reġjun Mediterranju kien ta’ 7.7%.

Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw il-kumment pożittiv li ssemma f’dan l-istess rapport dwar l-andament ta’ l-industrija tat-Turiżmu f’Malta, hekk kif intqal li pajjiżna matul l-2016 rreġistra tkabbir sostanzjali jew  kif isibuh aħjar f’termini statistiċi u ekonomiċi bħala “double digit growth”. Ir-rapport jissokta jgħid li ‘’dan it-tkabbir ġie xprunat grazzi għal konnettivita mtejba u livell għoli ta’ sigurta offruta meta kkomparat ma diversi destinazzjoniet kompetituri fir-reġjun.’’

Nixtieq nagħmel referenza wkoll għal rapport ieħor li ġie ippublikat f’dawn l-aħħar ġimgħat mill-World Travel and Tourism Council (WTTC). Din l-organiżżazzjoni dinjija toħroġ rapport annwali fuq kull pajjiż dwar l-impatt ekonomiku magħmul mis-settur ta’ l-ivvjaġġar u t-turiżmu. Fir-rapport għal Malta għas-sena bażi 2016 ġie kkonfermat l-impatt b’saħħtu ta’ din l-industrija fuq l-ekonomija Maltija.

Skont dan ir-rapport, il-kontribut dirett ġej mill-ivvjaġġar u t-turiżmu għal Prodott Domestiku Gross ta’ pajjiżna fl-2016 laħaq aktar minn 14% u dan hu stmat li jgħola għal kwazi 19% sa l-2027. Meta tikkalkula l-kontribut totali ta’ dan is-settur lejn l-ekonomija Maltija l-persentaġġ jgħola għal 26.7% u mistenni jkompli jikber għal 34.6% sa 10 snin oħra.

Dan ir-rapport ikejjel ukoll l-impatt tat-turiżmu fuq ix-xogħol. Skont il-WTTC fl-2016 it-Turiżmu direttament sostna 27,500 impjieg li jammontaw għal 15.5% ta’ l-impjiegi totali f’pajjiżna. Dan l-ammont ta’ mpjiegi hu kkalkulat mill-istess aġenzija li jikber għal 39,000 sa l-2027. Aktar minn hekk meta tikkonsidra l-impatt indirett, l-industrija tat-Turiżmu ssostni b’kollox total ta’ 49,500 impjieg jew aħjar, 27.8% ta’ l-impjiegi kollha f’Malta u Għawdex. U dan l-ammont beħsiebu jiżdied għal 51,000 impjieg sas-sena 2027. Dan kollu jfisser li bħalissa 1 minn kull 6 impjiegi f’pajjiżna huma attribwiti direttament lit-Turiżmu.

Dan ir-rapport jagħmel ukoll previżżjonijiet dwar l-ammont ta’ turisti li mistennijin iżuru pajjiżna fiż-żmien li ġej. Skont il-WTTC huwa mistenni l-ammont ta’ 2,125,000 turist fl-aħħar tal-2017 filwaqt li 10 snin oħra huwa previst mill-istess organiżżazzjoni li dan l-ammont jitla għal 3.4 miljun turist. Fejn jidħol investiment dan ir-rapport jgħid li fl-2016 is-settur turistiku attira investiment kapitali ta’ €230.6 miljuni li jammontaw għal-10.5% ta’ l-investiment totali f’pajjiżna. Dan l-investiment huwa stmat li jiżdied biex sal-2027 jammonta għal €331.8 miljun.

Dawn iċ-ċifri pożittivi u rapporti inkoraġġanti fuq l-andament ta’ din l-industrija tat-turiżmu f’Malta huma ċertifikat tax-xogħol bla waqfien li jsir f’ħidma konġunta bejn il-Gvern u s-settur privat. L-implimentazzjoni tal-pjan li fassalt flimkien mal-partijiet interessati f’din il-leġiżlatura għall-iżvilupp ta’ dan is-settur qed jagħmel il-frott. In-numri jitkellmu waħidhom. Kif elenkjat aktar kmieni il-Gvern jagħti prijorita lil dan is-settur li hu mutur ewlieni fl-ekonomija Maltija. Dawn huma riżultati sbieħ, kisbiet li jkomplu jħeġġuni sabiex jinkisbu aktar suċċessi f’din l-industrija tat-Turiżmu. It-Turiżmu huwa sostenitur dirett u indirett ta’ diversi setturi oħra li jsawwru l-ekonomija Maltija u għaldaqstant b’aktar suċċessi fit-Turiżmu fiż-żmien li ġej jiggarantixxu tkabbir fis-setturi l-oħra ukoll, aktar investiment, aktar ħolqien ta’ mpjiegi u aktar ħolqien ta’ġid li jgawdi minnu il-Poplu Malti u Għawdxi kollu.