Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis jagħmel referenza għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-Air Malta.

Il-Ministru Zammit Lewis jinsab sorpriż ferm li dan il-kliem ġej minn Simon Busuttil, li kien l-awtur tal-aħħar manifest elettorali u li lanqas indenja ruħu jikteb sentenza dwar il-linja tal-ajru tagħna.

Simon Busuttil irid jagħti ħajja lill-Air Malta meta kien il-partit tiegħu li tefagħha f’koma.

M’hemmx dubju li kien dan il-gvern li laħaq l-objettivi ewlenin u aktar importanti l-pjan ta’ ristrutturar maqbul mill-amministrazzjoni preċedenti mal-Unjoni Ewropea, u issa l-Gvern iffukat fuq it-tnedija ta’ pjan ta’ strateġija longterm li qatt ma ġie maħsub mill-amministrazzjoni preċedenti.

Sadanittant il-Gvern saħħaħ lill-Air Malta, ħa deċiżjonijiet kummerċjali importanti, u qata’ l-ispejjeż żejda biex il-linja tal-ajru ssir aktar kompetittiva. Dan il-gvern issa miexi biex l-Air Malta jkollha investiment internazzjonali b’sieħeb strateġiku, fejn mhux qed jiġi eskluż investiment lokali fil-formula aħħarija.

Il-Gvern hu kommess li jibqa’ fi djalogu mal-ħaddiema kif qed jagħmel regularment biex din il-kumpanija mhux biss tibqa’ għaddejja iżda tingħata wkoll futur ta’ vijabilità kummerċjali. Kien għalhekk li din il-ġimgħa l-Gvern ħa l-inizjattiva mmexxija mill-President Emeritu Dr George Abela ħalli jkun hemm ftehim aħħari mal-ħaddiema. Il-Gvern m’għandux dubju li l-ħaddiema se jkunu responsabbli f’dan ir-rigward.

Il-Ministru Zammit Lewis jikkonkludi li Simon Busuttil ma jistax jittieħed bis-serjetà, u l-unika ħaġa komuni bejn Simon Busuttil u l-Air Malta hi l-invoices foloz ta’ Sky Gourmet li għamel bi ksur ċar tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti, u li l-Ministru Zammit Lewis ilu ġimgħat jisfidah kullimkien biex jippubblikahom.