Waqt l-iffirmar tal-ftehim dwar il-proġett ġdid għall-installazzjoni ta’ sistema ta’ CCTV fil-lokalità tas-Swieqi bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis stqarr li l-industrija tat-turiżmu stabbiliet ruħha bħala l-pilastru ewlieni fl-ekonomija Maltija, iżda żied jgħid li dan is-suċċess ma jistax jissarraf f’detriment għar-residenti taż-żoni turistiċi.

 

Fi kliem il-Ministru, l-għan ta’ din l-inizzjattiva tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp għaż-Żoni Turistiċi hi l-installazzjoni ta’ sistema ta’ CCTV fil-lokalità tas-Swieqi bħala proġett pilota li se jwassal għal sistemi simili f’lokalitajiet oħra li jinsabu f’żoni turistiċi, bl-għan ewlieni li r-residenti jkollhom sorveljanza kontinwa biex jiġi indirizzat il-vandaliżmu fil-lokalità u tiżdied il-prevenzjoni tal-kriminalità fuq bażi 24/7 kif ukoll il-moniteraġġ relattiv.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li huwa importanti li residenti f’lokalitajiet f’żoni turistiċi nħarsuhom bl-aħjar mod possibbli. Dawn il-proġetti jirriflettu d-deċiżjoni ta’ dan il-Gvern għall-ġid tal-komunità tas-Swieqi.

 

Huwa żied jgħid li sabiex nissoktaw u nassiguraw dan is-suċċess, is-settur turistiku huwa meħtieġ li jikkonsolida l-prestazzjoni fi tkabbir u jisfrutta l-opportunitajiet sabiex jaffaċċja sfidi ġodda u l-kompetizzjoni ħarxa minn pajjiżi u bliet kompetituri tagħna f’dan is-settur. Anke jekk jidher sekondarju, l-ambjent urban madwar il-lukandi, ir-ristoranti u attrazzjonijiet turistiċi oħrajn ċertament li jaffettwa l-esperjenza ġenerali tat-turisti li jżuruna. Dan huwa importanti daqs li l-inħawi tal-madwar ikunu fuq l-istess livell ta’ eċċellenza fis-servizz u fl-attrazzjoni.

 

Għaldaqstant, il-Ministru Zammit Lewis elenka numru ta’ proġetti fil-lokalità tas-Swieqi li fihom—apparti l-installazzjoni ta’ CCTV f’uħud mit-toroq tas-Swieqi—se jkun qed jitħejja xogħol għal titjib fil-kwalità tal-ambjent urban kif ukoll tisbiħ fil-Ġnien FX Ebejer b’investiment totali li jlaħħaq is-somma ta’ €62,000.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

You may use these HTML tags and attributes:

<a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <s> <strike> <strong>